PR 50 – ARĊIPRIET ĠDID GĦALL‑PARROĊĊA TAL‑IMDINA
L‑Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l‑ħidma pastorali tal‑parroċċa tal‑Katidral tal‑Imdina ddedikat lil San Pawl, f’idejn Mons. Claude Portelli bħala l‑arċipriet ta’ din il‑parroċċa. Hu rringrazzja lil Dun Mario Tong li serva bħala arċipriet ta’ din il‑parroċċa.
Mons. Claude Portelli twieled fis‑6 ta’ Awwissu 1975. Beda l‑mixja għas‑saċerdozju fis‑Seminarju Maġġuri tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù fir‑Rabat u fl‑2001 ggradwa fil‑Filosofija u t‑Teoloġija mill‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Kompla l‑istudji tiegħu fit‑Teoloġija Pastorali u kiseb Liċenzjat fl‑2003. Huwa ġie ordnat saċerdot fit‑28 ta’ Lulju 2002. Matul is‑snin ġie fdat dawn il‑ħidmiet: saċerdot fil‑Parroċċa ta’ Santa Marija f’Ħal Għaxaq (2002‑2003); viċi kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Ġiljan (2003‑2009); u kappillan tal‑Parroċċa ta’ San Ġiljan (2009‑2022).
Fl‑2023, Mons. Claude Portelli nħatar bħala d‑Delegat tal‑Arċisqof għall‑Kultura. Hu se jibqa’ jokkupa din il‑kariga sabiex ikompli joħloq djalogu bejn il‑Knisja f’Malta u l‑qasam tal‑kultura.