Ottubru 2026 — Il-Kapitlu Metropolitan qiegħed jintroduċi formalment l-isem “Il-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan ta’ Malta”, flimkien mal- logo uffiċjali ġdid ibbażat fuq l-arma araldika awtentika tal-Kapitlu.

L-introduzzjoni tal-isem u l-logo ġdid timmarka pass importanti biex il-Kapitlu jiġi ppreżentat b’mod aktar speċifiku u preċiż, filwaqt li tiġi kkonfermata mill-ġdid l-identità storika tiegħu u postu fi ħdan il-Knisja Metropolitana ta’ Malta.

Sa issa, din l-istituzzjoni kienet komunement tissejjaħ “il-Kapitlu Metropolitan”. L-isem il-ġdid, “Il-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan ta’ Malta”, jipprovdi identifikazzjoni aktar preċiża u distintiva tal-Kapitlu, u jirrifletti b’mod ċar ir-rabta tiegħu mal-Katidral Metropolitan u mal-Knisja f’Malta.

Flimkien mal-isem il-ġdid, il-Kapitlu introduċa logo araldiku uffiċjali li jirriproduċi b’mod preċiż l-arma tal-Kapitlu. Id-disinn il-ġdid jieħu post il-logo preċedenti u jiżgura li l-identità viżiva tal-Kapitlu tikkorrispondi b’mod korrett mat-tradizzjoni araldika stabbilita tiegħu.

It-tarka ċentrali hi maqsuma vertikalment fin-nofs; in-naħa tax-xellug hija bajda u n-naħa tal-lemin hija ħamra, b’referenza għall-bandiera Maltija. Fiċ-ċentru tat-tarka hemm xabla tad-deheb wieqfa, madwar ix-xafra tagħha hemm serp imkebbeb bil-kuluri naturali tiegħu. Żewġ fergħat tal-palm bil-kulur naturali tagħhom jinsabu fuq kull naħa tax-xabla. Isfel nett fit-tarka, iz-zkuk tagħhom jaqsmu fuq xulxin f’forma ta’ “X”. Il-Kuruna: Eżatt fuq ix-xabla fil-parti ta’ fuq fiċ-ċentru hemm il-kuruna tal- martri tad-deheb, mżejna b’rubini ħomor.   Il-kuruna tal-martri u l-palm jissimbolizzaw il-martirju u r-rebħa spiritwali fil-kuntest ekkleżjastiku Malti.

It-tarka tinsab ġewwa qafas ovali dekorattiv (kartoċċ). Fil-parti ta’ fuq hemm kappell ekkleżjastiku wiesa’ ta’ kulur vjola (magħruf bħala galero). Spag aħmar ‘cords’ jinżlu min-naħat kollha tal-kappell b’sitt ġmiemem min-naħa għall-oħra, imqassma f’ringieli ta’ waħda, tnejn u tlieta (1-2-3). 

 

 Iskrizzjoni fuq l-Iskroll: Taħt l-emblema kollha hemm strixxa bil-kitba Latin:

 ’’CAPITULUM CATHEDRALIS METROPOLITANÆ MELITENSIS’’

Li Tfisser: “Il-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan ta’ Malta“

Din l-identita’ l-ġdida għandha l-għan li tiżgura li l-Kapitlu jkun rappreżentat b’mod konsistenti u preċiż fil-komunikazzjonijiet uffiċjali, il-pubblikazzjonijiet, il-korrispondenza, il-pjattaformi diġitali u materjal istituzzjonali ieħor tiegħu.

Għalhekk, l-identità l-ġdida mhijiex distakk mill-wirt tal-Kapitlu, iżda pjuttost konferma mill-ġdid tiegħu. Permezz tal-adozzjoni tal-isem korrett tiegħu u l-preżentazzjoni tal-emblema tiegħu fil-forma xierqa, il-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan ta’ Malta jfittex li jikkomunika l-identità tiegħu b’aktar preċizjoni, filwaqt li jibqa’ fidil lejn l-istorja u t-tradizzjonijiet fdati lilu.

Dawn il-bidliet daħlu fis-seħħ f’Ottubru tal-2026 u ser jibdew jidhru gradwalment fil-komunikazzjonijiet u l-materjal uffiċjali tal-Kapitlu.

Il-Kapitlu tal-Katidral Metropolitan ta’ Malta jibqa’ impenjat li jippreserva l-wirt ekkleżjastiku għani tiegħu, filwaqt li jkompli jwettaq lir-rwol tiegħu fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja Metropolitana ta’ Malta.